Saċerdozju fit-Triq
21 June 2017
CATEGORIETestimonials, Uncategorized
TAGJoe Cassar SJ, mwieled il-Furjana u ex Direttur tas-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Rifuġjati, jaqsam magħna xi ħsibijiet dwar is-saċerdozju.
Ftit xhur kien għad fadalli għall-ordinazzjoni tiegħi bħala djaknu meta nħsadna bl-aħbar tal-qtil ta’ sitta minn sħabna Ġiżwiti, kif ukoll tal-koka tagħhom u bintha, fl-Università tal-Amerika Ċentrali f’El Salvador. Kien daż-żmien għoxrin sena ilu. Kont qed nistudja Ruma, imma wieħed minn dawk li nqatlu kont iltqajt miegħu, u fil-komunità tiegħi kien hemm diversi minn sħabi li kienu jafu lil dak jew lill-ieħor. Bi tħejjija għad-djakonat kont qiegħed nitlob lil Alla li jerġa’ jurini li hu tassew riedni nkun saċerdot fil-Kumpanija ta’ Ġesù. Bil-martirju ta’ dawn sħabna saċerdoti Ġiżwiti, għalliema fl-Università u fl-istess waqt difensuri tal-fqar fi żmien dittatorjat aħrax u gwerra ċivili li kienet ġa ilha għaddejja għaxar snin, f’qalbi ħassejt ċar: kemm hu ta’ min jgħixha din il-ħajja li għaliha hemm min ta ħajtu!
M’għandix ilsien biex nirringrazzja lil Alla kif jixraq għall-grazzji li ta’ kuljum nirċievi bis-saċerdozju: fil-ħidma maż-żgħażagħ, fit-tagħlim, fl-akkumpanjament tal-vokazzjonijiet, fl-għoti tal-Eżerċizzi Spiritwali, fil-preżenza mar-refuġjati… Dawn mhumiex mertu tiegħi imma dejjem rigal wara l-ieħor tal-imħabba kbira ta’ Alla l-Missier. Imma b’mod speċjali lil Alla nirringrazzjah għal ħafna grazzji li jimmarkawli ħajti iktar biċ-ċar u juruni fejn Ġesù Ibnu jagħtini sehem iktar mill-qrib fis-saċerdozju tiegħu. Hawn tnejn minnhom:
Kienet il-Ġimgħa l-Kbira, waħda li ma ninsieha qatt. Kont ninsab f’belt kbira, barra mill-Ewropa, u talbuni mmur filgħodu nqarar fi knisja kbira fiċ-ċentru tal-belt. Aċċettajt bil-qalb, għad li kont daqsxejn beżgħan minħabba li ma kontx imdorri nisma’ l-qrar bil-lingwa tal-post. Ġa kont ilni xi erba’ sigħat inqarar, u kien sar il-ħin biex il-knisja tagħlaq qabel ma terġa’ tiftaħ għall-funzjoni ta’ wara nofsinhar. Quddiem il-konfessjonarju jitfaċċa raġel, li sellimli, u skuża ruħu li kien se jeħodli ftit tal-ħin. Għedtlu, “Tħabbel rasek xejn, għalhekk qiegħed hawn”. Tbissimli, qalli li ma kienx jaf minn fejn jibda u li ma kienx għadu jiftakar iqerr. “Ma jimpurtax,” għedtlu, “l-Ispirtu s-Santu li wasslek s’hawn inebbħek Hu.” Sadattant, is-sagristan xiħ ta’ dik il-knisja, bla ma ntebaħ, għalaqna ġewwa. Kienet qrara ta’ għoxrin sena; ma flaħtx naħbi l-ferħ li kelli ġo fija għax ħassejt kif Ġesù kien ħa fuqu l-piż kollu li dak ir-raġel kien ilu jġorr. Meta temm il-qrara għannaqni, u beriktu mill-ġdid.
Għad li kienet il-Ġimgħa l-Kbira, meta fl-aħħar irnexxielna noħorġu mill-knisja ridt inkanta bil-ferħ għax ħassejt li Ġesù għalhekk miet, biex iħollna mid-dnub tagħna, biex jieħu fuqu l-piż tagħna, biex isalvana. Xi grazzja kbira s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni! Kemm tassew Alla jerġa’ jħabbibna miegħu. Kemm-il darba rringrazzjajt lil Ġesù ta’ dan id-don sabiħ tal-maħfra u tal-fejqan. Kemm inħossni ma jistħoqqlix li nkun bejn Alla qaddis u ħanin u l-persuna li tiftaħ qalbha fil-qrar. Inħoss lil Alla jberikni fis-saċerdozju propju f’dan il-mument, meta jfawwar il-ħniena tiegħu bla tarf fuq min iqerr, hekk kif Ġesù – b’ġenbu minfud inixxi demm u ilma, l-ewwel ma jagħmel hu li jbiddel il-qalb ta’ dak li nifdu.
Darb’oħra kont ninsab Addis Ababa, il-kapitali tal-Etjopja – lejlet Filseta, il-festa kbira ta’ Sidtna Marija f’Awwissu. Kienet lejla kiesħa u ta’ xita, bħalma jagħmel hemm f’dak iż-żmien, u bi tħejjija għall-festa ħriġna nqassmu xi affarijiet żgħar lill-fqar tal-belt li m’għandhomx fejn imiddu rashom. Kellna xi 1,500 par flip flops, daqstant ieħor kutri ħfief, pakketti tal-gallettini u xi boroż bil-ħobż. Tqassamna f’karozzi differenti u ħriġna nfittxu n-nies, imgeddsin mal-ħitan fuq il-bankini, taħt xi pont, jew taħt il-kartun u miksijin b’folja plastik mal-ġnub tat-toroq. Id-dwal tal-karozza bdew jaqbdu dawn il-kobob umani, lewn il-ħamrija li ħwejjiġhom imċerċra kienu tħammġu biha. Nies jew skart?
Qatt ma ninsa l-uċuħ għajjenin u maħmuġin li jixirfu minn taħt xi folja plastik imkemmxa, l-għajnejn miksura, is-suspett: “Xi trid?” “Ġibnielek x’tiekol u biex tissaħħan. Il-festa t-tajba!” Daqqa tnejn, daqqa ħamsa, għaxra. Irġiel, imma anki nisa u tfal. X’qed nagħmel hawn? X’qed jagħmlu huma hawn? Għaliex il-ħajja daqshekk iebsa? Ma kontx naf x’jisimhom… U forsi ħadd ma jsejħilhom iktar b’isimhom, għax issa huma u t-tajn u l-ħmieġ ta’ ġnub it-toroq ħaġa waħda.
Dik il-lejla Ġesù ħa ħafna wċuħ differenti, magħluba, miksija tajn u ħamrija. Ma nafx kemm-il darba niftakar fihom jien u nqarben… Dik il-lejla t-tqarbin ma sarx fil-knisja; ħa forma oħra, ma’ ġnub it-toroq. Imma mhux biss. Għalija f’dik il-lejla, dak li xiref minn taħt il-plastik biex jilqa’ borża bi ftit ħobż, flip flop jew xi xall biex jitgeżwer fih, kien Dak stess li jagħtina ġismu u demmu fit-Tqarbin. U għallimni li s-saċerdozju fuq l-artal u s-saċerdozju fit-triq imorru id f’id.