Rajt il-mirakli
21 June 2017
CATEGORIETestimonials, Uncategorized
TAGFr Gauci Sacco has been in India for over 50 years working mostly among the Santals, the largest tribe in India. In this article on The Sunday Times of Malta of the 18th May 2014 he thanks The Mission Fund for a $2500 donation to subsidise religious material in the Santali language.
Ġejt ordnat saċerdot fid-19 ta’ Marzu 1966 fil-Kulleġġ ta’ St. Mary’s, fuq il-muntanji tal-Himalayas f’Kurseong, Indja, 44 sena ilu. Nirringrazzja ‘l Alla li 35 snin minnhom għaddejthom fix-xogħol Pastorali bħala kappillan f’diversi parroċċi tal-Missjoni tagħna tas-Santal Parganas. Tul dawn is-snin bħala saċerdot kelli ħafna esperjenzi sbieħ u ta’ konsolazzjoni fejn rajt kif Alla nqeda bija bħala saċerdot biex juri l-preżenza u l-qawwa tiegħu.
Din rajtha ħafna drabi waqt l-amministrazzjoni tas-sagrament tal-Griżma tal-Morda. Naħseb kulll saċerdot kellu l-esperjenza li wara li ta dan is-sagrament, il-marid jaqleb għall-aħjar. Jien dan rajtu kważi kull darba li tajt dan is-sagrament lil xi ħadd. Darba tajt das-sagrament lil waħda mara xi ħames darbiet, għax kull darba kienet tirpilja. Naturalment xi darba rridu mmutu u għalhekk l-aħħar darba tajtulha biex tlesti ruħha biex tiltaqa’ mal-Ħallieq tagħha.
Darba tajt il-Griżma tal-Morda lil waħda li kienet qegħda tmut bis-ġidri r-riħ. Ġisimha kien ferita waħda u ntiena tal-għaġeb. Ma niftakarx kienitx fieqet jew le, iżda niftakar li n-nies l-oħra tal-villaġġ wara li rawni nersaq lejha biex intiha s-sagrament talbuni l-Magħmudija. Il-lum il-biċċa l-kbira ta’ dan il-villaġġ huma Nsara.
Iżda l-akbar esperjenza kienet fl-1977 meta kont fil-parroċċa ta’ Torai. Kelli katekista ta’ villaġġ (part time) li kien marid bit-T.B. Dan kien ukoll jaħdem bħala ġardinar fl-isptar ta’ San Luqa f’Hiranpur, 10 kilometri bogħod minn Torai. It-tabib tal-isptar li kien Anglikan, bniedem ta’ qdusija kbira, meta kien ikun hemm xi Kattoliku marid serjament jew li l-marda tiegħu kienet aktar tar-ruħ milli tal-ġisem, kien jinfurmani biex immur intih is-sagrament.
Meta l-katekista tiegħi bit-T.B., li kien jismu Patras, wasal fl-aħħar, bagħat għalija. Il-pulmun tiegħu kien spiċċa għal kollox u ma kien hemm l-ebda tama li jsalva. Patras kien tassew sar skeletru ħaj, għadma u ġilda. Meta wasalt l-isptar biex intih l-aħħar sagramenti, t-tabib talabni biex hu u n-Nurses jattendu. Meta spiċċajt, wara li tajtu l-Vjatku, t-tabib qallu: “Patras issa se tħossok aħjar.” Peress li ma kienx hemm tama tal-fejqan, qrabatu ħaduh id-dar ħalli jmut fosthom.
Ġara li dakinhar stess bil-lejl Patras qam mis-sodda għax ħass ġuħ tal-għaġeb. Talabhom xi ħaġa x’ jiekol. Filgħodu ħassu daqs li kieku qatt ma kien marid. Beda jimxi bħas-soltu. Reġa’ mar l-isptar biex it-tabib jeżaminah. It-tabib sabu mfejjaq għal kollox. Ġimgħa wara li tajtu s-sagramenti erġajt mort l-isptar biex inqaddes Quddiesa ta’ ringrazzjament fil-preżenza tat-tabib u n-Nurses. Fi żmien qasir, Patras reġa’ beda jaħdem bħala katekista u ġardinar fl-isptar.
Esperjenza sabiħa oħra li kelli sena ilu kienet din. Meta kont Torai kelli katekista li għażiltu bħala “full timer”. Kellu biss żewġt ibniet u ma kellux subien. Xtaq ħafna li jkollu tifel. Peress li ma kellu l-ebda training ta’ katekista bgħattu xahrejn Jamshedpur u xahrejn Hazaribagh, fejn seta’ jieħu t-taħriġ li kellu bżonn. Daż-żmien mifrud mill-mara ġab l-effett mixtieq. L-ewwel darba kellu tifel li semmieh Charles, u t-tieni darba kellu tifel ieħor li semmieh Angelus. Dawn għammidthomlu jien. Fiż-żmien wara li spiċċa l-iskola sekondarja, Charles daħal is-seminarju u s-sena l-oħra ġie ordnat saċerdot. Kelli konsolazzjoni kbira nassisti għall-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Din kienet konsolazzjoni kbira għalija. Infaħħru dejjem il-Mulej.
Esperjenzi oħra sbieħ huma l-prietki, meta nara kif Alla jinqeda bija. Meta naħseb li l-prietka marret tajjeb ma kont nara ebda rużultat. Meta kultant kont inħossni li l-prietka marret ċatta, ġieli kien jiġi xi ħadd wara jgħidli li dak li għidt kien propju għalih. Imbagħad kont niftakar fl-istorja tal-ħmar tal-profeta Balam, kif Alla kien inqeda bil-ħmar ta’ Balam biex iwassallu l-messaġġ tiegħu. Min hu nteressat jaqra din l-istorja fil-Bibbja isibha fil-Ktieb tan-Numri, kap 22 versi 22 u ‘l-quddiem. Jekk Alla seta’ ninqeda bi ħmar, seta wkoll jinqeda bija biex inwassallu l-messaġġ tiegħu lil min irid.