|
Wara madwar tletin sena li fihom drajna li l-ikel kien mhux biss abbundanti imma rħis, matul l-aħħar xhur bdejna ninundaw li daż-żmien ta’ ikel bir-rimi u rħis spiċċa, forsi għal kollox.
Issa qed nisimgħu li matul l-aħħar sena il-prezz tar-ross għola b’74% u dak tal-qamħ b’130%, imma forsi, aħna u nisimgħu ma nirrealiżżawx li l-effetti ta’ bidliet qawwijin bħal dawn huma drammatiċi. Jidher li dal-prezzijiet għoljin mhux ser jerġgħu lura malajr għall-livelli li konna mdorrrijin bihom, u li ser ikollna nidraw bi prezzijiet aktar għoljin għall-ikel li għandna. Il-problema hija li għal madwar 850 miljun ruħ – persuna minn kull 8 li hawn fid-dinja – li diġà qajla jsibu biżżejjed x’jieklu, l-għoli fil-prezzjijiet jista’ jipperikola ħajjithom u l-istabbiltà politika ta’ pajjiżhom. Huma ħafna r-raġunijiet li wassluna għal dan l-għoli fil-prezzijiet: uħud huma effett ta’ kawżi naturali li ftit li xejn għandna kontroll fuqhom; oħrajn huma riżultat ta’ għażliet żbaljati li saru matul l-aħħar tletin sena u li issa qed inbatu l-konsegwenzi tagħhom.
Popolazzjoni f’aptitha! L-ewwel fattur li jiġina quddiem għajnejna huwa ż-żieda fil-popolazzjoni: matul dawn l-erbgħin sena, minn mindu Malta ħadet l-indipendenza tagħha, il-popolazzjoni fid-dinja kważi rduppjat, minn 3.5 biljun għal kważi 7 biljun ruħ. Jidher li sa nofs ta’ dan is-seklu din ser tiżdied sa aktar minn 9 biljuni. Id-dinja kapaċi titma’ dawn il-ħluq kollha? Imbagħad jidher ċar li minbarra n-numri, hemm ukoll il-kwantità ta’ ikel li dawn in-nies jieklu: aktar ma jogħla l-livell ta’ għixien fiċ-Ċina u fl-Indja, li bejniethom għadhom fuq l-elfejn miljun ruħ, kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità ta’ ikel tinbidel: skond il-website tal-BBĊ, Ċiniż medju issa jiekol aktar mid-doppju tal-laħam li kien jiekol ħamsa u għoxrin sena ilu, u fil-waqt li hemm bżonn bejn elf u elfejn litru ilma biex tkabbar kilo qamħ, trid bejn għaxar u tnax-il elf litru għal kilo laħam taċ-ċanga. L-ikel: industrija globalizzata Imma hemm raġunijiet oħrajn, frott ta’ għażliet u strateġiji ċari tal-bnedmin. Fuq kollox l-isforz li sar mill-pajjiżi industrijalizzati li jibdlu l-agrikolutura f’industrija bħall-oħrajn, fejn fuq kollox issaltan il-loġika tal-qliegħ li jirnexxilha tagħmel l-azjenda fl-aħħar tas-sena. B’hekk bdejna naraw il-kumpaniji transnazzjonali jieħdu aktar artijiet f’idejhom u jippruvaw minn kollox biex jinfetħu aktar swieq għall-ikel li jipproduċu.  Kul jew sir ikel! Imma l-għajta tas-suq ħieles mhix konsistenti: fl-istess ħin, l-oqsma ewlenin tal-industrija agrikola – tal-qamħ u s-soja, tal-laħam, tal-ħut, tal-frott tropikali, tal-ħalib u oħrajn – baqgħu jinsistu li jkollhom sussidji kbar mill-gvernijiet u mill-Unjoni Ewropea. B’hekk dawn il-kumpaniji kbar, minbarra li darrewna nsibu kull tip ta’ ikel u frott is-sena kollha u mhux biss fl-istaġun tiegħu, għamlu ħsara enormi lill-biedja fil-pajjiżi fqar, li spiċċaw mhux kapaċi jitimgħu n-nies tagħhom b’dak li jipproduċu huma stess. L-aqwa li l-prezz ta’ l-ikel roħos fil-pajjiżi sinjuri, u li dawn il-kumpaniji tellgħu profitti enormi. Fl-istess ħin qerdu ħafna mir-rabta bejn il-bidwi u l-komunità fejn jaħdem.
Waħda mill-mistoqsijiet li ħadd ma għandu tweġiba ċara għaliha hija għaliex dan kollu ġara issa, u għaliex daqshekk malajr. Bla dubju hemm rabta bejn il-prezz ta’ l-ikel u l-prezz taż-żejt, għax it-tnejn qed jogħlew flimkien, imma n-natura tar-rabta mhi ċara xejn: jekk hux biss effett ta’ domanda akbar għax hawn aktar nies u dawn iridu jieklu aktar minn qabel, jew hix ukoll spekulazzjoni bla rażan minn min induna li jista’ jibqa’ jgħolli l-prezzijiet kemm irid. Kif ġara meta kellna l-epidemja hekk imsejħa ‘tal-baqra miġnuna’, kriżijiet bħal dawn ifakkruna fid-dipendenza tagħna lkoll, fqar u sinjuri, fuq l-ikel u għalhekk fuq l-agrikoltura. Nindunaw ukoll li, fl-aħħar mill-aħħar l-ikel li nieklu huwa frott ta’ proċessi naturali twal li ma nifhmuhomx għal kollox, u li jekk nibdew inbagħbsu fihom nistgħu nispiċċaw ħażin ħafna. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nindunaw kemm aħna tabilħaqq ħaġa waħda ma’ l-ambjent ta’ madwarna: meta nittraskurawh, jew nużawh bl-addoċċ, jew bla skrupli, żgur li jkollna nħallsu prezz qares. Mhemmx dubju li d-deżert qed jikber fl-Afrika u fl-Asja taħt il-pressjoni ta’ popolazzjoni akbar, u li aktar ma tinbidel il-klima aktar jonqsu l-art u l-ilma disponibbli għat-tkabbir ta’ l-ikel. Imma veru wkoll li l-ikel irħis wassalna naħlu aktar minn qatt qabel, bla ma nindunaw li dak li naħlu aħna qed niħduh lil min ma jistax igħaddi mingħajru. ‘Sitwazzjoni inaccettabbli’ ‘Il-ġuħ u n-nuqqas ta’ ikel huma inaċċettabli f’dinja li għandha r-riżorsi biex issolvi l-problema’. Kliem ċar tal-Papa Benedittu fil-messaġġ tiegħu lill-laqgħa għolja li saret Ruma fil-bidu ta’ Ġunju biex tiddiskuti x’jista’ jsir quddiem din is-stiwazzjoni.  Popolazzjoni f'aptitha Kliem li jista’ jservina bħala l-prinċipju li għandna nżommu l-ħin kollu quddiem għajnejna. Żgur li d-dinja għandha biżżejjed xjenza, teknika, ikel u riżorsi oħrajn biex issib tarf ta’ din il-problema. Bħalma dejjem nindunaw, il-ġuħ mhux riżultat ta’ nuqqas ta’ ikel imma ta’ tqassim ħażin ta’ l-ikel stess u tal-ġid fid-dinja. Dan hu marbut ma’ difetti istituzzjonali – fosthom il-korruzzjoni, nuqqas ta’ toroq u mezzi ta’ trasport biex il-bdiewa jkunu jistgħu jġorru l-prodotti tagħhom fis-swieq, anomaliji fir-regolamentazzjoni ta’ swieq u fil-prezzijiet, u tariffi jew regoli li jagħlqu s-swieq sinjuri lill-bdiewa minn pajjiżi fqar. Is-Segretarju Ġenerali ta’ l-Organizazjoni Dinjija ta’ l-Ikel, il-FAO, jistma li hemm bżonn mat-30 biljun dollaru biex l-agrikoltura tqum fuq tagħha – somma li tidher għolja, imma mhux meta tqabbilha ma’ ċifri li ta huwa stess: Is-sena li għaddiet id-dinja nefqet 1,200 biljun dollaru fl-armamenti, u l-ħela ta’ ikel f’pajjiż wieħed sinjur, fejn jikkalkulaw li n-nies jarmu mat-30% ta’ l-ikel tagħhom, jiswa mal-100 biljun dollaru. Qal ukoll li dawk li jbatu mill-ħxuna żejda jikkunsmaw ma’ l-20 biljun dollaru ta’ ikel żejjed fis-sena. ‘F’sitwazzjoni bħal din, staqsa Diouf, ‘kif qatt nistgħu nispjegaw lin-nies ta’ rieda tajba li ma stajniex insibu 30 biljun dollaru fis-sena biex nassiguraw li t-862 miljun ruħ bil-ġuħ jistgħu igawdu l-aktar fundamentali fost id-drittijiet tal-bniedem: id-dritt għall-ikel, u allura d-dritt għall-ħajja?’ |