Syndicate

feed image
 
 
 
 
 
 
IL-KOMPETITTIVITÀ NAZZJONALI Esplojtazzjoni jew Moralità Politika? PDF Print E-mail

 

Jgħidu li kull żmien għandu żmienu. Kien hemm żmien meta konna nitħaddtu fuq il-kompetizzjoni u issa ġie żmien ieħor fejn sirna nirraġunaw dwar il-kompetittività.


 

Ta’ l-ewwel kienet in xena meta f’pajjiżna kien għad hawn bżonn il-liberalizzazzjoni tas-swieq u b’hekk jinħelsu minn kull xkiel ta’ sussidji governattivi, taxxi doganali, kwoti u l-bqija. Dak kien żmien meta f’Malta daħlet il-kompetizzjoni u xi wħud mill-manifatturi saru huma wkoll importaturi. F’dik il-ħabta konna nisimgħu ħafna dwar il-ħtieġa tal-kompetizzjoni fis-suq fejn il-konsumatur ikollu d-dritt ta’ l-għażla. Il-Malti jgħid li s-suq isuq u hekk hu tabilħaqq. L-għażliet tax-xerrejja huma s-sors li fuqu jimxu dawk li jfornu s-suq b’kull xorta ta’ prodotti u servizzi. Dak kien iż-żmien meta r-rwol tal-istat inqaleb ta’ taħt fuq u minn fornitur tas-servizzi u l-prodotti, inbidel f’regolatur li jħares il-liġi fl-interess tal-konsumaturi.

Effiċjenza u produttività

Illum kollox indara. Indrat iċ-ċikkulata ta’ barra u ndara l-kunċett kompetittiv. Imma fil-preżent ninsabu ngħixu fi żmien ieħor meta l-kelma in xena ta’ bħalissa hija l-kompetittività. Dan huwa prinċipju li jissokta jibni fuq ta’ qablu. Illum mhux biss jeħtieġ li jkollok is-suq ħieles fit-territorju ta’ pajjiżek, imma iżjed minn hekk jeħtieġ li tkun kompetittiv fid-dinja internazzjonali. Il-kompetittività nazzjonali tpoġġi lil pajjiżi f’qagħda ta’ kejl ma’ pajjiżi oħrajn u l-investitur se jmur bi flusu u bil-kapital tiegħu f’dawk il-pajjiżi li jirrendu l-aktar. Mhux b’xejn li l-politiċi tagħna saru jitkellmu ħafna dwar il-kompetittività nazzjonali, għax hija ċ-ċavetta għas-suċċess ekonomiku tal-ġejjieni. L-appell tagħhom għall-ħaddiema huwa wieħed – dak li jkunu aktar effiċjenti biex b’hekk tiżdied il-produttività. Eventwalment dan il-proċess kollu għandu jwassal biex tkun miżjuda r-rata tat-tkabbir ekonomiku li huwa l-għajn ta’ kull ġid materjali.

Il-proċess tal-globalizzazzjoni

Fl-industrija lokali saru u għadhom isiru proċessi vasti ta’ ristrutturar biex l-ażjendi tagħna, li xi wħud minnhom ġew ipprivatizzati, isiru aktar flessibbli u aktar dinamiċi u b’hekk joffru servizzi u prodotti ta’ kwalità ogħla b’riżq il-klijenti. Ħafna minn dawn l-ażjendi naqqsu n-numru ta’ ħaddiema minn magħhom biex b’hekk saru jħaddmu anqas nies. Dan it-tnaqqis fl-impjegati sar b’diversi modi, fosthom skemi ta’ irtirar kmieni, sensji u, saħansitra, għeluq għal kollox ta’ l-impjanti f’Malta fejn il-ħaddiema sabu ruħhom quddiem bieb magħluq b’ta’ fuqhom senduqhom.

Dinja globalizzata
Dinja globalizzata
Dan ġara l-aktar fis-settur tat-tessuti meta ħafna mill-investituri tħajru jerfgħu l-operat tagħhom f’Malta u fil-bqija ta’ l-Ewropa u jmorru jiftħuh mill-ġdid fl-Asja u fl-Indja fejn il-pagi huma baxxi, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma miżeri u l-prospettiva ta’ iżjed qligħ hija akbar. Dan huwa parti mill-proċess ta’ globalizzazzjoni li għaddejha minnu d-dinja fi żmienna, fejn il-kapital ekonomiku jiċċaqlaq minn kontinent għall-ieħor skond kif ikun jaqbel għall-investitur. Dan qiegħed iwassal għall-esplojtazzjoni ta’ miljuni ta’ ħaddiema li jgħixu f’pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw u li jinsabu maħkuma mit-tiranija tal-kumpaniji trans-nazzjonali.

L-Aġenda ta’ Lisbona

Il-kompetittività tas-swieq fl-arena tad-dinja globalizzata saret l-għodda ewlenija biex tassigura potenzjal ekonomiku f’ċirkustanzi fejn l-irwiefen tal-kompetizzjoni saru jaħkmu minn kullimkien. Mhux ta’ b’xejn li quddiem dawn l-isfidi kbar, l-Unjoni Ewropea (UE) ħejjiet il-pjanijiet tagħha biex tilqa’ għall-globalizzazzjoni. Fil-fatt l-Aġenda ta’ Lisbona hija pass f’din id-direzzjoni bil-għan li l-UE ssir l-aktar blokk ekonomiku b’saħħtu fid-dinja sas-sena 2010. Dan jitlob trasformazzjonijiet kbar fil-mod kif ikunu strutturati l-industriji biex tiżdied il-produttività, iżjed impenn biex jitkattar l-għarfien tat-teknoloġija ta’ l-informatika u l-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli li tħares u tippromwovi l-ambjent. Is-sejħa għal iżjed kompetittività hija mifruxa fis-sebgħa u għoxrin stat membru li kull wieħed minnhom qiegħed jieħu dawk il-miżuri meħtieġa biex dak li kien imfassal fil-pjan, iseħħ tabilħaqq. Din il-mira għandha l-għan li toħloq iżjed opportunitajiet ta’ impjiegi, tħeġġeġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol filwaqt li ssaħħaħ it-tessut soċjali ta’ l-istati membri. Dan jitlob impenn qawwi mhux biss mill-politiċi u l-industrijalisti, imma wkoll mill-ħaddiema li jridu jibqgħu jaġġornaw il-ħiliet u l-abbiltajiet tagħhom permezz ta’ taħriġ kontinwu.

Korrimenti u tbatija

B’danakollu, ħadd m’għandu għaliex jaħseb li f’dan il-proċess kollu mhux se jkun hemm korrimenti. Dawk il-ħaddiema ta’ ftit jew xejn skola u l-oħrajn li qabżu l-ħamsin sena qegħdin isibuha diffiċli biex isibu x-xogħol. Dan qiegħed iwassal għal tant tbatija u tensjonijiet jaħarqu fost il-familji milquta. Mhux faċli li jekk għassies tilef xogħlu, tħarrġu biex isir kok jew analista tal-kompjuters. U li kieku dan kellu jseħħ, irid jgħaddi ħafna żmien. F’dan il-kuntest, l-UE waqqfet il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li għandu l-għan li jgħin lil dawk il-ħaddiema li jkunu ssensjati minn industriji li jkunu ħallew l-Ewropa biex ifittxu artijiet b’anqas spejjeż. Permezz ta’ dan il-fond, il-ħaddiema kkonċernati jkunu mħajra jagħmlu korsijiet ta’ taħriġ biex jiddeversifikaw il-ħiliet tagħhom, filwaqt li tingħatalhom għajnuna finanzjarja sakemm isibu xogħol alternattiv. Ħaddiema Maltin li ntlaqtu minn dawn iċ-ċaqliqiet fin-negozju, partikularment dawk tat-tessuti, ibbenifikaw minn din l-għajnuna sabiex b’hekk setgħu jerġgħu jqumu fuq saqajhom u jibdew karriera ġdida. Huwa minnu li l-ġid ekonomiku qiegħed jikber fin-nisġa Ewropea, imma fl-istess waqt irid ikun żgurat li dan qiegħed jitqassam b’ġustizzja fost iċ-ċittadini kollha.

Is-sehem tal-unions

Quddiem dawn il-movimenti kollha fl-ekonomija, ir-rwol tal-unions wkoll qiegħed jinbidel. Żieda fil-paga tingħata biss jekk ikun hemm żieda fil-produttività u għalhekk ħafna mill-ħaddiema qegħdin ikunu ingaġġati

it-triq it-tajba
Irridu nterrqu t-triq it-tajba
fuq kuntratt fiss li jkun ikopri performance bonuses jekk jintlaħqu l-miri miftehma minn qabel. Inżidu ngħidu wkoll dwar iż-żieda drastika fil-ħaddiema li s-sors tad-dħul prinċipali tagħhom ġej minn xogħol part-time. Dan qiegħed iwassal biex tonqos is-saħħa tal-unions, għax dawn it-tip ta’ ħaddiema (li kull ma jmur qegħdin jiżdiedu fil-għadd tagħhom) ma jkunux jistgħu jissieħbu f’unions u b’hekk ma jiffurmawx parti mill-ftehimiet kollettivi li tradizzjonalment imdorrijin bihom. B’danakollu, ix-xogħol tal-unions xorta għadu meħtieġ biex jgħassu fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, kemm f’dak li jikkonċerna ħlas xieraq, opportunitajiet ta’ taħriġ u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Meta wieħed jgħarbel ftit l-istatistika tas-salarji f’pajjiżna jsib li reġgħet inħolqot diskrepanza enormi bejn is-saffi l-għolja tal-maniġment u l-bqija tal-ħaddiema. Dan qiegħed iwassal għall-frustrazzjonijiet ġodda fi ħdan il-ġerarkija tal-kumpaniji u nuqqas ta’ ġustizzja fil-mod ta’ kif għandu jsir il-ħlas xieraq għas-servizz mogħti

Tnaqqis fl-ispejjeż

Dawn huma lkoll sintomi tal-kompetittività fl-isfond ta’ dinja globalizzata. Il-fornituri u l-impjegaturi jridu jaraw minn fejn se jnaqqsu l-ispejjeż biex il-prodott/servizz tagħhom jibqa’ kompetittiv. Issa hawn min jagħmel dan b’sens ta’ etika u moralità fis-sens li jħossu responsabbli għall-ħaddiema li għandu miegħu u hawn min jiġi jaqa’ u jqum u għal ħabba jqaxxar qamla mingħajr rispett ta’ xejn u lejn ħadd. Dan biex ma nsemmux ukoll lil min jimpjega lill-immigranti b’kundizzjonijiet mill-aktar ħżiena għal xogħol skabruż, jekk mhux ukoll perikoluż. F’dawn iċ-ċrieki ta’ l-operat kummerċjali, l-istat għandu jkun impenjat bis-serjetà biex ma jkunx hemm abbużi, titħares id-dinjità ta’ l-individwu u, fuq kollox, ikun hemm ġustizzja fil-mod kif isir il-ħlas u jitqassam il-ġid. Ir-rwol regolatorju ta’ l-istat għandu jiffunzja iżjed aħjar biex ikun assigurat li ebda abbuż ma jkun ittollerat.

Pjan ta’ Riforma

Il-kompetittività ta’ veru ma tiġix mill-esplojtazzjoni tal-ħaddiema, imma minn ħidma serja u bi pjan fit-tul. Il-Pjan Nazzjonali ta’ Riforma li huwa riżultat ta’ konsultazzjoni wiesa’ ma’ dawk kollha involuti huwa mibni fuq ħames sfidi li Malta qablet li taffaċċja fl-isfond tal-miri ta’ Lisbona biex b’hekk pajjiżna jsir ekonomikament iżjed b’saħħtu. Dawn il-ħames sfidi huma:

  • Is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi
  • Il-kompetittività
  • Ix-Xogħol
  • L-Edukazzjoni u t-Taħriġ u
  • L-Ambjent

Is-sinerġija bejn dawn il-ħames fatturi hija importanti ħafna biex pajjiżna jikseb suċċess skond il-Pjan imħejji mill-UE. Għaldaqstant, hemm iżjed bżonn ta’ kordinazzjoni bejn il-ministeri tal-gvern, u fl-istess waqt ikompli jitwessa’ l-kontribut tas-soċjetà ċivili biex flimkien negħlbu l-isfidi ta’ quddiemna.

Ix-xogħol u l-bniedem

Il-politika ekonomika Ewropea hija ċara f’dak li trid tilħaq u b’liema mezzi. Il-forzi tas-suq għandhom jikkontrollaw lil xulxin, mingħajr wisq indħil mill-gvernijiet permezz ta’ sussidji, taxxi jew barrieri doganali oħrajn.

Il-prodott lokali
Il-prodott lokali
Għalkemm, kif jgħid il-Malti, is-suq isuq, u hekk huwa tabilħaqq, b’danakollu, fil-preżent teżisti biża’ reali fost ħafna mexxejja dinjin dwar l-għoli esagerat fil-prezzijiet tal-qmuħ u ż-żjut li se jkompli jfaqqar lil min diġà qiegħed b’ta fuqu senduqu. Dawn huma l-isfidi l-ġodda tal-globalizzazzjoni li l-UE trid tilqa’ u tirbaħ bħala forza waħda mibnija fuq 27 pajjiż sovran. Malta mhix aktar maqtugħa f’bozza għaliha waħidha u l-ekonomija tagħna, inklużi l-biedja, il-manifattura, u s-servizzi huma miftuħa għal baraxx ta’ kompetizzjoni u sfidi li joriġinaw ’il barra minn xtutna. Il-kompetittività nazzjonali tagħna tista’ titjieb bir-rieda t-tajba ta’ kulħadd, imma ħadd ma għandu jkun mixwi fuq l-artal tas-sagrifiċċju biex l-ekonomija tistagħna. Fuq kollox għandna lkoll niftakru li x-xogħol qiegħed għall-bniedem u mhux il-bniedem għax-xogħol.

 

Mario Vassallo huwa membru tad-Dipartiment tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta.