|
Bidu ġdid ... jew ‘business as usual’? ….. Ninsabu fi żmien tabilħaqq interessanti fil-ħajja politika ta’ pajjiżna: bejn l-elezzjoni u l-ftuħ tal-Parlament il-ġdid, u fil-ġimgħat ta’ l-għażla tal-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. L-għażliet li jsiru f’dan iż-żmien ser ikollhom effetti fit-tul, u mhux biss fil-ħames snin li fadal sa elezzjoni oħra.
Kull elezzjoni hija eżercizzju qawwi tad-demokrazija fil-pajjiż fejn issir. Biżżejjed inħarsu lejn dak li għaddej fiż-Żimbabwe, jew dak li għaddiet minnu l-Kenja biex naraw li l-istrutturi demokratiċi waħedhom ma jiswew xejn jekk ma jkollhomx għeruq sodi. Ma’ kull elezzjoni li tmur tajjeb il-poplu jsir jemmen ftit aktar li tabilħaqq is-sovranità hija tiegħu, mhux għax qed jagħtihielu xi ħadd bħala xi pjaċir. Jara wkoll li din is-sovranità qatt mhi sħiħa għal kollox, għaliex nindunaw li mhux l-istrutturi kollha qegħdin hemm biex jiddefendu u jġibu ‘l quddiem ir-rieda tal-poplu - xi kultant din issib tfixkil minn interessi oħrajn marbuta mal-poter. Fl-assenza ta’ maġġoranza assoluta ... Għall-ewwel darba kemm ilna pajjiż indipendenti, l-ebda partit ma ġab il-maġġoranza assoluta, u li kieku ma kienx hemm ftehim bejn iż-żewġ partiti l-kbar, kieku min ġab anqas voti kien jispicca jmexxi b’maġġoranza fil-Parlament. Is-sistema tagħna għadha tiffavorixxi żżejjed il-partiti l-kbar, li mhux biss jinsistu, kif għandhom kull dritt li jagħmlu, li vot għal partit żgħir huwa vot mitluf, anzi vot għall-partit il-kbir l-ieħor, imma joħolqu l-istrutturi, permezz tal-liġijiet elettorali, li jagħmluha kważi impossibbli li jkun mod ieħor. Din tista’ ssir logħba perikoluża, u nittamaw li matul dawn il-ħames snin nagħtu passi oħra li jkomplu juru t-twemmin tagħna fid-demokrazija, billi naslu biex fl-aħħar ikollna sistema tabilħaqq proporzjonali. Ninsabu f’sitwazzjoni fejn fil-gvern hemm partit li sa elezzjoni oħra jkun ilu fil-poter 25 sena kważi bla interruzzjoni. Dan għamlu bis-saħħa tiegħu, għax kull darba rnexxilu jikkonvinċi lill-elettorat li għad ma hemmx alternattiva għalih. Fl-istess ħin, l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra li kellhom partiti li saru l-partiti ‘naturali’ tat-tmexxija turina li dan ma tantx igħin biex id-demokrazija tissaħħaħ. Poplu li jara li qatt ma għandu alternattiva jibda jitlef l-interess f’dak li jkun qed jiġri u jsir aktar passiv, bil-perikli kollha ta’ abbuż ta’ poter li dan iġib miegħu. Għalhekk pajiżna għandu bżonn urġenti ta’ partit serju fl-Oppożizzjoni li jkun jista’ jippreżenta ruħu bħala alternattiva vera u li jkun jista’ jinsisti b’mod kredibbli fuq il-gvern li jkun qed imexxi dak iż-żmien. L-elezzjoni ta’ mexxej tal-Partit Laburista tinteressa ħafna lill-Maltin kollha, għaliex hija għażla li tista’ tfisser jew il-konferma tal-politika u tan-nies li kienu jmexxuh sa issa … jew tista’ tfisser bidu ġdid. Aktar faċli jkollok mexxej ġdid milli bidu ġdid, kif turi l-esperjenza ta’ partiti tax-xellug li ppruvaw jinbidlu. Għadna kif rajna l-isforz tac-centrosinistra Taljana li ppruvat tiġbor fiha aktar tendenzi milli kienet tiflaħ, u li spiccat biex ma kkonvinċietx lill-elettorat. Imma anke fil-każ li forsi aktar jixbaħ lil tagħna, Tony Blair waħdu ma kienx iġib il-bidla; kien proċess twil u diffiċli, li ma rnexxilux jiġbor lil kulħadd miegħu mill-ewwel u f’kollox, imma li verament wassal għal bidla fil-fond fl-istil tat-tmexxija tal-pajjiż. In-nies tax-xellug huma dejjem aktar akkaniti għall-fehmiet tagħhom, u faċli jiġri li aktar ma jaraw l-ideat tagħhom jisparixxu minn wiċċ id-dinja, aktar jintrabtu magħhom b’mod li ma jaċċettawx li r-realtà inbidlet. Mill-banda l-oħra, wara snin b’ideat ‘realistiċi’ żżejjed, qed jerġa’ jinħass il-bżonn ta’ min kapaċi jisfida l-istrutturi tas-suq il saru jiddominaw kollox. Taqbida għall-voti ... jew għall-fondi? Imma issa donnhom il-forzi politiċi jissieltu għall-voti tal-klassi tan-nofs, u sar dejjem aktar diffiċli li wieħed jagħżel verament bejn il-partiti tax-xellug u partiti oħrajn: fl-Ingilterra, Blair kien qal li għall-ewwel ma kien ser imiss xejn mill-politika ta’ Thatcher, u fl-Italja, Veltroni darba qal li anke l-industrijalist huwa ħaddiem. Hemm ukoll il-fatt li aktar ma l-partiti jsiru strutturi li jiswew ħafna flus, jispiccaw jitilfu aktar mill-awtonomija tagħhom. Il-mezzi tax-xandir, il-propoganda dejjem aktar tlellex, il-headquarters sbieħ u l-pagi li dawn iġibu magħhom, itellfu lill-partiti mhux biss l-enerġija imma anke l-attenzjoni għal dak li hu tabilħaqq importanti, u li b’xi mod jorbothom mhux ma’ dak li għandu bżonn il-pajjiż imma ma’ dak li għandu bżonn il-partit li jkun attent li jibża’ għall-għejjun ta’ fondi li jassigurawlu li jkun jista’ jkompli jopera. Fl-aħħar mill-aħħar, f’sitwazzjoni bħal din id-demokrazija toħroġ telliefa! Is-sistema tagħna fejn il-maġġoranza tista’ tieħu kollox għaliha (winner takes all) tista’ tfisser li jkun hawn parti mis-socjetà li ma tħosshiex rappreżentata biżżejjed fl-istrutturi u fit-tmexxija, għax leħinha u x-xewqat tagħha jispiċċaw dejjem imwarrba bl-skuża tal-maġġoranza. Jekk dan isir darba wara l-oħra, din il-parti titlef mhux biss l-interess imma wkoll il-fiduċja li d-demokrazija hija ta’ kulħadd u mhux biss ta’ dawk li rebħu. Aktar u aktar jekk, bħalma huwa l-każ ta’ Malta, id-differenza fil-voti bejn partit u ieħor hija żgħira ħafna, u min imexxi ma għandux il-maġġoranza assoluta. Is-simboli f’dawn il-każi huma ta’ importanza kbira. Għalhekk id-diskors tal-Prim Ministru fil-meeting tar-rebħa kien sinjal sabiħ, daqs kemm id-deciżjoni li nidħlu fil-Partnership for Peace wasslitna nittamaw li dan mhux ser ikun l-istil tal-gvern Gonzi. Irridu naraw kif ser tkun it-tweġiba ta’ l-Oppożizzjoni għall-offerta fuq l-ispeaker tal-Parlament, u jekk ikunx hemm pairing jew le. Biex ma nsemmux l-għażla tal-President, minn hawn u sena oħra! Min ikun fit-taqtigħa politika jkollu t-tentazzjoni li jara biss kif ser jikseb vantaġġ fuq il-kompetituri politiċi, u jispiċċa jitlef il-perspettiva. Hemm wisq affarijiet x’nirranġaw fil-pajjiż żgħir tagħna – mir-riforma tal-MEPA għall-immigrazzjoni irregolari għal ekonomija flessibbli u kompetittiva kapaċi taffaċċja l-problemi reali tad-dinja ta’ madwarna. Huwa veru li mill-politiċi jintalab sagrifiċċju kbir, li jpoġġu l-ġid komuni qabel dak tal-partit jew dak personali, imma nemmnu li qalulna nagħżlu lilhom għax fihom għandhom l-idealiżmu li jwassalhom jagħmlu dan. |