Syndicate

feed image
 
 
 
 
 
 
SEHEM IL-LAJĊI FIT-TAGĦLIM SOĊJALI TAL-KNISJA PDF Print E-mail

Ftit wara l-bidu tar-Rivoluzzjoni Industrijali tas-seklu dsatax, il-Knisja Kattoloka bdiet tiżviluppa dak li jissejjaħ ‘it-tagħlim soċjali’. F’enċikliċi tal-Papiet, f’diskorsi, f’dikjarazzjonijiet ta’ konferenzi tal-isqfijiet, tfasslu it-tweġibiet tal-komunità ta’ dawk li jemmnu għall-isfidi kbar soċjali, ekonomiċi, teknoloġoċi, kulturali u politiċi ta’ dawn l-aħħar mitt sena.

Edward Warrington

Dawn il-prinċipji, valuri, dmirijiet, orjentamenti u sfidi nġabru fil-Kompendju tad-Duttrina Soċjali (KDS), li jitkellem dwar firxa kbira ta’ kwistjonijiet soċjali, fosthom ix-xogħol, id-drittijiet fundamentali, il-familja, l-ambjent, ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika. Uħud mill-lajċi – forsi ħafna minnhom – jaħsbu li t-tixrid u l-iżvilupp ta’ dan it-tagħlim huwa responsabbiltà tal-Papiet, il-Konċilji u l-isqfijiet. F’dan l-artiklu bi ħsiebni nipprova nwieġeb tliet mistoqsijiet indirizzati l-aktar lil-lajċi nsara:

  • L-ewwel, xi tgħid il-Knisja dwar is-sehem tal-lajċi fid-dinja ta’ żminijietna; ukoll, xi ngħidu aħna l-lajċi dwar dan?
  • It-tieni, x’sehem għandna aħna l-lajċi fit-tagħlim u t-tixrid tad-duttrina soċjali, li hu biċċa kbira mill-aħbar it-tajba?
  • It-tielet, x’sehem għandna fl-iżvilupp tat-tagħlim soċjali tal-Knisja?
Image

Is-sehem tal-lajċi fid-dinja ta’ żminijietna
Ngħaddi għall-ewwel mistoqsija. Il-Knisja titkellem ċar u tond dwar il-lajċi u d-dinja: aħna msejħin biex nimpenjaw ruħna fil-bini tas-Saltna – Saltna ta’ ġustizzja u sliem, li ‘waslet’. Hija Saltna inkarnata, mhux xi ħaġa spiritwali biss, jew tal-qalb biss, jew ta’ ġejjieni mbiegħed, jew tal-ġenna. Fil-kliem tal-Kompendju, aħna msejħin biex niddirieġu l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja skond ir-rieda ta’ Alla (KDS 541): b’hekk inġeddu u nqaddsu l-ħolqien kollu.

Il-katekeżi dwar id-dokumenti li jfissru t-tagħlim soċjali tal-Knisja tisħaq fuq ir-responsabbiltajiet ta’ l-individwu fil-ħajja u ċ-ċirkostanzi ta’ kuljum – fil-ħajja familjari; waqt ix-xogħol, fil-ħidma volontarja, fl-għażliet u l-istil ta’ ħajja, fl-użu tal-ġid, fit-tħaddim ta’ drittijiet u dmirijiet ċivili, bħalma hu l-vot. L-enċiklika Deus caritas est tfisser fil-qosor, imma tajjeb ħafna, dan id-dmir (par. 29).

The mission of the lay faithful is therefore to configure social life correctly, respecting its legitimate autonomy and cooperating with other citizens according to their respective competences and fulfilling their own responsibility. Even if the specific expressions of ecclesial charity can never be confused with the activity of the State, it still remains true that charity must animate the entire lives of the lay faithful and therefore also their political activity, lived as “social charity”.

Dan kollu tajjeb, xieraq u meħtieġ. Imma bla dubju mhux biżżejjed li l-preżenza tal-lajċi tkun preżenza ta’ individwi.

Aħsbu ftit dwar id-dinja ta’ żminijietna: hija dinja li titmexxa minn qawwiet kbar – stati u gvernijiet, il-kummerċ, il-mezzi tax-xandir, kulturi globalizzati. Bniedem waħdu ftit li xejn jista’ jagħmel biex ‘iġedded u jqaddes’ dinja bħal din. Meħtiega ħidma kollettiva; meħtieġa l-għaqda … u l-għaqdiet! Tant hu hekk li l-Kompendju jitkellem ukoll fuq is-sehem ta’ l-għaqdiet tal-lajċi (par. 549-550). Jħares lejhom bħala mezz essenzjali fil-formazzjoni tal-membri tagħhom, speċjalment dawk li huma impenjati fil-ħajja professjonali, xjentifika, kummerċjali, ambjentali. L-għaqdiet jistgħu jgħinu fil-formazzjoni ta’ kuxjenza nisranija, u f’għażliet u dilemma li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-membri.

Kultant, ukoll, kif issemmi l-enċiklika tal-Papa Benedittu XVI, meħtieġa ħidma politika li tiżboq il-votazzjoni fl-elezzjonijiet – kultant huma meħtieġa kampanji, dibattiti miftuħin għal kulħadd, lobbying politiku f’Malta u barra minn Malta, u l-bqija. U hawn titfaċċa l-ambivalenza tal-ġerarkija tal-Knisja u ta’ ħafna lajċi. Minn banda, nippriedkaw il-politika bħala vokazzjoni nobbli ta’ qadi lill-kommunità; mill-banda l-oħra, kemm-il darba ninduna minn kliemna li nqiesuha bħala xi ħaġa ‘maħmuġa’; nibżgħu li ‘niċċappsu’ bil-politika partiġġjana li tifni lil pajjiżna; u forsi ukoll nibżgħu li nirrepetu l-iżbalji li saru fit-taqbida bejn il-Knisja u l-Partit Laburista fis-snin ħamsin u sittin.

Dak li qed ngħid dwar il-Knisja f’Malta jinħass ukoll fil-Knisja Universali. Il-Knisja għaddiet minn persekuzzjoni qawwija matul l-ewwel, it-tieni u t-tielet sekli ta’ ħajjitha. Minn dan għaddiet għal sekli twal ta’ dominanza politika; sekli oħra ta’ firda mdemmija bejn l-Insara Ewropej; sa ma reġgħet ġarrbet il-persekuzzjoni fis-sekli tmintax, dsatax u għoxrin. Ma nagħtix tort lill-papiet u l-isqfijiet li huma prudenti dwar il-politika u jħalluha f’idejn il-lajċi. Mill-banda l-oħra, il-Knisja immaturat biżżejjed biex tislet tagħlim siewi minn dak li ġarrbet biex fuqu tgħin lilna l-lajċi nimpenjaw rwieħna skond il-ħtieġa f’ħidma politika b’riżq il-ġid komuni.

Hekk għamel il-Papa Ġwanni Pawlu II fit-taqbida kontra l-komuniżmu. Ftakru fil-ġesti qawwijin ta’ appoġġ għall-forzi demokratiċi fil-Polonja. Ma kienx hemm dubju li hu ried il-ħelsien għal pajjiżu … mhux għax kien Pollakk, imma għaliex kien fuq kollox nisrani! Wara l-kwinti, wettaq ħidma diplomatika intensiva biex jintlaħaq ftehim. U wkoll wara l-kwinti, kemm-il darba wissa lill-mexxejja demokratiċi kontra l-użu tal-vjolenza u strateġiji oħra li huma kontra l-valuri nsara. F’dak li għamel il-Papa wettaq it-tagħlim soċjali tal-Knisja; anzi kabbar il-firxa ta’ l-esperjenzi li fuqhom hu bażat it-tagħlim.

Fit-tieni parti ta’ l-enċiklika Deus caritas est, il-Papa Benedittu XVI joffri kriterji u pariri prattiċi dwar il-ħidma karitattiva mill-Knisja istituzzjonali u mill-fidili. Għamel pass ieħor ‘l quddiem bl-enċilika Spe Salvi li tfakkarna dwar ir-rabta intima bejn il-wegħda ta’ Alla li tnissel fina t-tama, u l-isforzi tagħna b’riżq is-Saltna.

We can open ourselves and the world and allow God to enter: we can open ourselves to truth, to love, to what is good. This is what the saints did, those who, as “God’s fellow workers”, contributed to the world’s salvation (cf. 1 Cor 3:9; 1 Th 3:2). We can free our life and the world from the poisons and contaminations that could destroy the present and the future. We can uncover the sources of creation and keep them unsullied, and in this way we can make a right use of creation, which comes to us as a gift ... This makes sense even if outwardly we achieve nothing or seem powerless in the face of overwhelming hostile forces. So on the one hand, our actions engender hope for us and for others; but at the same time, it is the great hope based upon God's promises that gives us courage and directs our action in good times and bad.

Il-ħolma tiegħi hi li f’enċiklika oħra joffri kriterji u pariri prattiċi dwar il-ħidma b’riżq il-paċi u l-ġustizzja. Bħala lajk impenjat fil-bini tas-Saltna, nistenna xi ħaġa ukoll mill-isfijiet u mill-għaqdiet Maltin. Il-ġesti pubbliċi ta’ appoġġ li juri Mons. Arċisqof lil dawk li jaħdmu biex titwettaq il-ġustizzja mal-fqir u l-imwarrab iqawwuli qalbi: fil-persuna tiegħu, il-Knisja istituzzjonali f’Malta qed turi l-imħabba inkondizzjonata li l-Imgħallem tagħha għandu għal kulħadd.

It-tixrid tat-tagħlim soċjali
Ukoll jekk mhux il-lajċi kollha jħossu s-sejħa biex jidħlu b’ruħhom u ġisimhom fil-ħajja pubblika, naħseb li lkoll naqblu li għandna d-dmir inxandru u ngħallmu t-tagħlim soċjali tal-Knisja, għaliex dan huwa parti mill-Bxara t-Tajba, li kultant jissejjaħ ‘it-teżor moħbi tal-Knisja’. Mhux dmir biss ta’ dawk li huma katekisti, imma l-katekisti għandkom risponsabbiltà speċjali għat-tixrid tat-tagħlim soċjali.

 ImageGħalhekk, aħsbu ftit x’tifhmu bil-kontenut tad-‘duttrina’ u l-katekeżi. Il-katekeżi bla dubju tgħallem lit-tfal u ż-żgħażagħ dwar it-Trinità Qaddisa, dwar il-pjan tas-salvazzjoni, l-ewkaristija u l-ħajja sagramentali. Imma jirnexxielkom tinsġu l-aħbar soċjali tal-fidi tagħna ma’ dan it-twemmin? Jirnexxielkom tgħallmuhom kif, fil-prattika, jkunu melħ ta’ l-art, u dawl għad-dinja?

X’taħsbu: l-insara f’Malta jafu tabilħaqq –

  • li l-imħabba bejn it-tlitt persuni tat-Trinità welldet il-ħolqien u lill-bniedem xbieha tagħha?
  • li l-pjan tas-salvazzjoni reġa’ għamel lill-bnedmin kollha xbieha ta’ Alla; li hu pjan ta’ salvazzjoni kollettiv, mhux individwali … mhux individwalista? (Ara l-enċiklika Spe Salvi par. 14, 15)
  • li l-ewkaristija għandha twassalna biex aħna ukoll ‘b’tifkira tal-Mulej’ nagħtu ħajjitna għal għajrna?

Mill-mod kif iġibu ruħhom ħafna Maltin kbar u żgħar, wisq nibża’ li t-tagħlim soċjali mhux jixxandar bil-qawwa: il-ġid komuni, il-wirt ambjentali u kulturali, id-dmirijiet ċivili, is-sussidjarjetà, il-ġustizzja ma’ l-oħrajn … dawn ma tantx jispikkaw fil-ħsieb u l-ħajja ta’ ħafna minn ħutna. Il-katekeżi dwar il-ġustizzja soċjali għandha tibda mit-tfulija, biex trabbi għeruq b’saħħithom fid-dinja individwalista ta’ żminijietna.

X’għandu jidħol f’katekeżi soċjali? Jien nagħżel dawn –

  • it-tifsira ta’ komunità u s-sens komunitarju;
  • id-dinjità tal-bniedem, u d-drittijiet u d-dmirijiet li huma frott tagħha;
  • il-ġid komuni u ċ-ċittadinanza tas-Saltna;
  • l-analiżi soċjali: min huma l-imwarrbin u l-imkasbrin;
  • l-analiżi ambjentali: il-ħarsien tal-ħolqien u ta’ l-ambjent naturali;
  • analiżi ekonomika: it-tkabbir u l-użu tal-ġid;
  • analiżi politika: is-setgħa u t-tmexxija;
  • il-karità u l-ġustizzja: in-nisrani melħ ta’ l-art, dawl għad-dinja, ħmira, żerriegħa, għajn ta’ tama u tiġdid.

 Ngħaddi għall-aħħar mistoqsija.

Il-lajċi u l-iżvilupp tat-tagħlim soċjali tal-Knisja 
Hawn jidħol il-karattru profetiku tan-nisrani: huwa bniedem li jaqra s-sinjali taż-żminijiet. Fosthom, fi żminijietna, hemm dawn il-kwistjonijiet jaħarqu:

  • l-użu xieraq ta’ l-ambjent naturali;
  • aċċess ġust għar-riżorsi meħtieġa għall-ħajja – bħall-ilma u l-enerġija;
  • l-imħabba lejn il-barrani u r-rikonċiljazzjoni ma’ l-għadu;
  • forom ġodda ta’ faqar u sfruttament;
  • l-użu tal-ġid materjali u stil ta’ ħajja sempliċi;
  • ir-rispett għall-ħajja mill-bidu sat-tmiem tagħha.

Aħna l-lajċi niltaqgħu ma’ dawn il-kwistjonijiet fil-ħajja privata, professjonali u ċivika. Jekk inwassluhom b’xi mod lill-isqfijiet u t-teoloġi, inkunu qegħdin ngħinuhom jgħarfu aħjar id-dinja ta’ llum, u – skond il-ħtieġa – ikabbru t-tagħlim soċjali tal-Knisja. Nixtieq li, bl-għajnuna tagħna, l-isqfijiet jindirizzaw aktar il-kwistjonijiet soċjali fl-ittri u l-istqarrijiet tagħhom. Nixtieq li ngħinuhom jevalwaw il-ħidma soċjali li ssir f’isem il-Knisja. Nixtieq li flimkien magħhom insawwru Knisja li tkun tabilħaqq Aħbar Tajba għall-bniedem ta’ llum u ta’ għada.

Dan l-artiklu beda bħala diskors li ngħata fit-3 ta’ April 2008, waqt Ġimgħa ta’ Aġġornament organizzat għas-Soċji tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija.